OECD Multilingual Summaries

Health at a Glance: Europe 2016

State of Health in the EU Cycle

Summary in Maltese

Cover
Read the full book on:
10.1787/9789264265592-en

Health at a Glance: Europe 2016

State of Health in the EU Cycle

Neħtieġu prevenzjoni aktar effettiva u kura ta’ kwalità biex tkompli titjieb saħħet in‑nies u jonqsu l‑inugwaljanzi fis‑saħħa fil‑pajjiżi tal‑UE

L‑istennija tal‑għomor fost l‑Istati Membri tal‑UE żdiedet b’aktar minn sitt snin mill‑1990, minn 74.2 sena fl‑1990 għal 80.9 sena fl‑2014, iżda għad hemm bosta inugwaljanzi fi ħdan il‑pajjiżi u anki bejniethom. Bħala medja, in‑nies tal‑pajjiżi fl‑Ewropa tal‑Punent bl‑akbar stennija tal‑għomor jibqgħu jgħixu għal aktar minn tmien snin aktar min‑nies tal‑pajjiżi tal‑Ewropa Ċentrali u tal‑Lvant bl‑inqas stennija tal‑għomor. Fi ħdan il‑pajjiżi, għad hemm inugwaljanzi kbar fis‑saħħa u fl‑istennija tal‑għomor bejn il‑persuni b’livell ogħla ta’ edukazzjoni u ta’ dħul u dawk aktar żvantaġġati. Dan jiġri l‑aktar minħabba esponimenti differenti għar‑riskji tas‑saħħa, iżda wkoll minħabba differenzi fl‑aċċess għall‑kura ta’ kwalità għolja.

Fl‑2013 mietu aktar minn 1.2 miljun ruħ fil‑pajjiżi tal‑UE b’mard u b’korrimenti li setgħu jiġu evitati permezz ta’ politiki tal‑prevenzjoni u tas‑saħħa pubblika aktar effettivi u b’kura tas‑saħħa aktar f’waqtha u effettiva. Hemm bżonn firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet biex jindirizzaw il‑bosta fatturi tar‑riskju ambjentali u tal‑imġiba li qed iwasslu għal imwiet qabel iż‑żmien minħabba mard bħall‑attakk tal‑qalb (l‑infart kardijaku akut), il‑kanċer fil‑pulmun, il‑puplesija, l‑imwiet relatati mal‑alkoħol u mwiet oħra li jistgħu jiġu evitati. Sar progress notevoli fejn jidħol it‑tnaqqis tal‑konsum tat‑tabakk f’ħafna pajjiżi tal‑UE permezz ta’ taħlita ta’ kampanji pubbliċi ta’ għarfien, regolamenti u tassazzjoni. Iżda aktar minn wieħed minn kull ħames adulti fil‑pajjiżi tal‑UE għadhom ipejpu kuljum. Hu importanti wkoll li jiżdiedu l‑isforzi biex jiġu indirizzati l‑użu dannuż tal‑alkoħol u l‑obeżità, li f’ħafna pajjiżi tal‑UE huma kwistjonijiet tas‑saħħa pubblika li qed jikbru. Fl‑2014 aktar minn wieħed minn kull ħames adulti fil‑pajjiżi tal‑UE rrappurtaw konsum qawwi tal‑alkoħol mill‑inqas darba fix‑xahar; u fl‑2014 adult minn kull sitta fil‑pajjiżi tal‑UE kien obeż, meta mqabbel ma’ wieħed minn kull disgħa fis‑sena 2000.

F’ħafna mill‑pajjiżi tal‑UE, il‑kura tas‑saħħa tjiebet b’mod ġenerali iżda għad hemm xi differenzi. Peress li tjiebu t‑trattamenti għall‑kundizzjonijiet li jheddu l‑ħajja bħall‑attakki tal‑qalb, il‑puplesiji u d‑diversi tipi ta’ kanċer, żdiedu r‑rati tas‑saprovivenza iżda f’ħafna pajjiżi xorta għad fadal xi jsir biex titjieb l‑implimentazzjoni tal‑aqwa prattiki fil‑kura akuta u kronika.

Niżguraw aċċess universali għall‑kura ħalli nnaqqsu l‑inugwaljanzi fil‑qasam tas‑saħħa

Jekk ikun żgurat aċċess universali għal kura ta’ kwalità għolja, ikun jista’ jsir titjib kostanti fis‑saħħa tan‑nies u jkunu jistgħu jonqsu l‑inugwaljanzi fil‑qasam tas‑saħħa. Ħafna mill‑pajjiżi tal‑UE kisbu kopertura universali (jew kważi universali) tal‑ispejjeż tal‑kura tas‑saħħa għal sett bażiku tas‑servizzi. Iżda fl‑2014, erba’ pajjiżi tal‑UE (Ċipru, il‑Greċja, il‑Bulgarija u r‑Rumanija) kien għad kellhom aktar minn 10% tal‑popolazzjoni tagħhom li ma tkunx koperta b’mod regolari għall‑ispejjeż tal‑kura tas‑saħħa.

Għalkemm mhux biżżejjed, indikatur importanti tal‑aċċess hu li jkun żgurat li l‑popolazzjoni kollha tkun koperta b’polza tal‑assigurazzjoni (pubblika jew privata) tas‑saħħa. Anke l‑firxa tas‑servizzi koperti u l‑grad ta’ kondiviżjoni tal‑ispejjeż applikat għal dawn is‑servizzi jaf iħallu impatt importanti fuq l‑ispejjeż diretti minn bwiet il‑pazjenti u l‑aċċessibbiltà finanzjarja. Fil‑biċċa l‑kbira tal‑pajjiżi tal‑UE, is‑sehem tal‑popolazzjoni li rrappurtat ħtiġijiet tal‑kura li mhumiex issodisfati minħabba raġunijiet finanzjarji hu pjuttost baxx u naqas matul is‑snin qabel il‑kriżi ekonomika, iżda f’bosta pajjiżi dan is‑sehem żdied mill‑2009 ’l hawn, l‑aktar fost il‑familji bl‑inqas dħul. Fl‑2014, bħala medja fil‑pajjiżi tal‑UE, il‑probabbiltà li l‑foqra jirrapportaw ħtiġijiet mediċi li mhumiex issodisfati minħabba raġunijiet finanzjarji kienet għaxar darbiet aktar mis‑sinjuri. Iż‑żidiet fil‑ħtiġijiet tal‑kura li mhumiex issodisfati jaf iwasslu għal stat tas‑saħħa inferjuri għall‑popolazzjoni milquta u b’hekk jiżdiedu l‑inugwaljanzi fil‑qasam tas‑saħħa.

Biex ikun żgurat aċċess effettiv għall‑kura tas‑saħħa jeħtieġ ukoll li jkun hemm għadd biżżejjed u mħallat ta’ fornituri tal‑kura tas‑saħħa fir‑reġjuni ġeografiċi differenti tal‑pajjiż. Sa mis‑sena 2000, l‑għadd ta’ tobba għal kull ras żdied fi kważi kull pajjiż tal‑UE, b’medja ta’ 20% (żieda minn 2.9 tobba għal kull 1,000 persuna fl‑2000 għal 3.5 tobba fl‑2014). Madankollu, l‑għadd tal‑ispeċjalisti żdied b’rata aktar mgħaġġla mill‑għadd tat‑tobba b’mod li issa fost il‑pajjiżi tal‑UE hemm aktar minn żewġ speċjalisti għal kull tabib tal‑familja. F’ħafna pajjiżi, hemm ukoll problemi persistenti jew li qed jikbru fejn tidħol id‑distribuzzjoni ġeografika inugwali tat‑tobba għax il‑persuni li jgħixu fiż‑żoni rurali jew fiż‑żoni mbiegħda ħafna drabi jkunu neqsin mis‑servizzi. Fl‑aħħar snin, ħafna mill‑pajjiżi tal‑UE ħadu miżuri biex isaħħu l‑aċċess għall‑fornituri tal‑kura primarja għall‑popolazzjoni kollha kullimkien, biex inaqqsu l‑inugwaljanzi fl‑aċċess u jevitaw li n‑nies jidħlu l‑isptar bla bżonn.

Insaħħu r‑reżiljenza, l‑effiċjenza u s‑sostenibbiltà tas‑sistemi tas‑saħħa

Peress li l‑popolazzjoni qed tixjieħ u minħabba limitazzjonijiet baġitarji stretti, is‑sistemi tas‑saħħa tal‑pajjiżi tal‑UE se jkunu jeħtieġu adattamenti kbar, ħalli jippromwovu xjuħija aktar b’saħħitha u biex il‑ħtiġijiet tal‑kura tas‑saħħa li qed jiżdiedu u jinbidlu, jitwieġbu b’mod aktar integrat u ffukat fuq il‑pazjenti. Bħala medja fost il‑pajjiżi tal‑UE, is‑sehem tal‑popolazzjoni li jaqbżu l‑65 sena żdied minn inqas minn 10% fl‑1960 għal kważi 20% fl‑2015, u qed jitbassar li se jkompli jiżdied għal kważi 30% sal‑2060. Daż‑żmien hu stmat li madwar 50 miljun ċittadin tal‑UE qed isofru minn żewġ kundizzjonijiet kroniċi jew aktar, u ħafna minn dawn in‑nies għandhom aktar minn 65 sena.

Minn 8.7% fl‑2005, fl‑2015 in‑nefqa tas‑saħħa laħqet id‑9.9% tal‑PDG fl‑UE kollha. Fis‑snin li ġejjin, is‑sehem tal‑PDG tan‑nefqa għas‑saħħa hu mistenni jiżdied fil‑pajjiżi kollha, l‑aktar għax qed tixjieħ il‑popolazzjoni u għax qed jinfirxu teknoloġiji dijanjostiċi u terapewtiċi ġodda. Barra minn hekk se tiżdied il‑pressjoni fuq il‑gvernijiet biex jaġixxu għax kulma jmur qed tikber il‑ħtieġa għal kura fit‑tul.

Waqt li l‑pajjiżi tal‑UE jilqgħu dawn l‑isfidi, se jkun hemm bżonn li jkomplu jitjiebu l‑ippjanar u l‑organizzazzjoni tas‑servizzi ħalli tikber ir‑reżiljenza tas‑sistemi tas‑saħħa biex ikunu jistgħu jaġixxu għall‑ħtiġijiet il‑ġodda bl‑aktar mod effiċjenti. Anki s‑sistemi tas‑saħħa jridu jibqgħu fiskalment sostenibbli. Huwa importanti li tkompli titjieb l‑effiċjenza fl‑isptarijiet, fin‑nefqa farmaċewtika, fl‑amministrazzjoni u f’materji oħra tal‑infiq ħalli d‑domanda li qed tikber tiġi ssodisfata bir‑riżorsi limitati. Ħafna mit‑titjib meħtieġ fis‑sistemi tas‑saħħa mill‑inqas se jkun jinvolvi xi investiment bil‑quddiem. Waqt li l‑pajjiżi se jkunu qed jgħarblu kif jistgħu jallokaw bl‑aqwa mod kull nefqa oħra tas‑saħħa, hu importanti li jinżamm bilanċ tajjeb bejn l‑investimenti fil‑politiki li jtejbu s‑saħħa pubblika u l‑prevenzjoni, u l‑politiki li jtejbu l‑aċċess, il‑kwalità u l‑effiċjenza tal‑forniment tal‑kura tas‑saħħa.

Insegwu u ntejbu l‑Istat tas‑Saħħa fl‑UE

Ħarsa fuq fuq lejn is‑saħħa: Id‑dokument Ewropa 2016 jippreżenta l‑aktar xejriet riċenti fuq is‑saħħa u s‑sistemi tas‑saħħa fit‑28 Stat Membru tal‑UE, f’ħames pajjiżi kandidati u fi tliet pajjiżi tal‑Assoċjazzjoni Ewropea tal‑Kummerċ Ħieles. Dan hu r‑riżultat ta’ kollaborazzjoni msaħħa bejn l‑OECD u l‑Kummissjoni Ewropea biex jitjieb l‑għarfien speċifiku għall‑pajjiżi u għall‑UE kollha dwar kwistjonijiet tas‑saħħa bħala parti miċ‑ċiklu l‑ġdid tal‑Kummissjoni dwar l‑Istat tas‑Saħħa fl‑UE http://ec.europa.eu/health/state .

This translation was undertaken by the European Commission.

Multilingual summaries are translated excerpts of OECD publications originally published in English and in French.

They are available free of charge on the OECD Online Bookshop www.oecd.org/bookshop

For more information, contact the OECD Rights and Translation unit,

Public Affairs and Communications Directorate at: rights@oecd.org or by fax: +33 (0)1 45 24 99 30.

OECD Rights and Translation unit (PAC)
2 rue André-Pascal, 75116
Paris, France

Visit our website www.oecd.org/rights

OECD

Read the complete English version on OECD iLibrary!

© OECD (2016), Health at a Glance: Europe 2016: State of Health in the EU Cycle, OECD Publishing.
doi: 10.1787/9789264265592-en

 



Visit the OECD web site